Svoboda | Graniru | BBC Russia | Golosameriki | Facebook

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0474

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/474 tas-17 ta’ Jannar 2022 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni u l-użu ta’ nebbieta organiċi, mhux organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/101

ĠU L 98, 25.3.2022, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/474/oj

25.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/474

tas-17 ta’ Jannar 2022

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-produzzjoni u l-użu ta’ nebbieta organiċi, mhux organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2)(b) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/848 u b’mod partikolari l-Parti I tal-Anness II tiegħu, jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku.

(2)

Fid-dawl tal-eliminazzjoni gradwali tad-derogi mill-użu ta’ materjal organiku għar-riproduzzjoni tal-pjanti stabbiliti fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2018/848, huwa importanti li jiżdiedu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti u fil-fażi ta’ konverżjoni.

(3)

Madankollu, għal xi speċijiet ortikulturali, id-disponibbiltà attwali taż-żrieragħ organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni hija limitata, u l-użu ta’ żrieragħ mhux organiċi għall-produzzjoni ta’ nebbieta bħala materjal riproduttiv tal-pjanti, imkabbar f’kundizzjonijiet organiċi, huwa teknika komuni.

(4)

Il-bażijiet tad-data u s-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/848, li fihom l-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni, ma jinkludux in-nebbieta. Meta titqies in-natura partikolari tan-nebbieta u d-durata varjabbli taċ-ċikli tal-produzzjoni tagħhom, jeħtieġ li jiġu ċċarati r-regoli dwar l-użu tagħhom fil-produzzjoni organika. Jenħtieġ li titqies id-disponibbiltà taż-żrieragħ organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni għall-ispeċi u l-varjetà kkonċernati biex tiġi ddeterminata d-disponibbiltà potenzjali fis-suq tan-nebbieta organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni.

(5)

F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4), tar-Regolament (UE) 2018/848, il-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti jista’ jiġi kkummerċjalizzat ukoll bħala fil-fażi ta’ konverżjoni dment li dak il-materjal ikun lesta l-perjodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar. L-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jenħtieġ li jingħata prijorità fuq l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku. F’dak il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ċċarat li “nebbieta fil-fażi ta’ konverżjoni” jistgħu jintużaw meta ċ-ċiklu ta’ kultivazzjoni tagħhom ikun dam mill-inqas 12-il xahar fuq roqgħa art li tkun lestiet perjodu ta’ konverżjoni ta’ 12-il xahar jew meta kkultivata f’kontenituri jew fuq roqgħa art, dment li n-nebbieta jkunu joriġinaw minn żrieragħ fil-fażi ta’ konverżjoni li jkunu nħasdu minn pjanti mkabbra f’roqgħa art li jkunu lestew perjodu ta’ konverżjoni ta’ 12-il xahar.

(6)

Madankollu, fir-rigward tan-nebbieta, jeħtieġ li jiġi pprojbit l-użu ta’ nebbieta mhux organiċi għal għelejjel li jkunu lestew ċiklu ta’ produzzjoni fi żmien staġun wieħed tat-tkabbir mit-trapjant tan-nebbieta sal-ewwel ħsad tal-prodott finali sabiex tiġi żgurata l-integrità ta’ prodotti organiċi li jistgħu jiddgħajfu f’każ ta’ preżenza ta’ residwi fiż-żrieragħ mhux organiċi użati bħala materjal tal-bidu.

(7)

Għal ċerti speċijiet jew varjetajiet ta’ frott, dwieli u ornamentali, id-disponibbiltà ta’ pjanti omm jew, fejn rilevanti, pjanti oħra maħsuba għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti, imkabbra f’konformità mal-punt 1.8.2 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, mhijiex biżżejjed. Barra minn hekk, hemm ftit frott organiku u mixtliet tad-dwieli li attwalment jaħdmu bi pjanti omm imkabbra f’konformità mal-punt 1.8.2. minħabba l-investimenti fit-tul u d-diffikultajiet tekniċi biex tiġi żgurata konformità sħiħa maċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità u mar-rekwiżiti fitosanitarji.

(8)

Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ulterjuri ta’ dan is-settur tal-produzzjoni speċjalizzat ħafna, huwa xieraq li tiġi introdotta l-possibbiltà li jiġi awtorizzat l-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti mkabbar f’kundizzjonijiet organiċi għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti li għandu jiġi kkummerċjalizzat u użat għal għelejjel organiċi, dment li jiġu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet speċifiċi.

(9)

L-operaturi li jipproduċu materjal riproduttiv tal-pjanti bħal dan jenħtieġ jitħallew jippubblikaw, fuq bażi volontarja, l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ materjal bħal dan fis-sistemi nazzjonali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/848. Dan se jippermetti lill-operaturi jagħżlu materjal riproduttiv tal-pjanti mkabbar b’mod organiku meta materjal riproduttiv tal-pjanti organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni ma jkunx disponibbli.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti mkabbar f’kundizzjonijiet organiċi għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti jenħtieġ li jiskadi fl-istess ħin bħad-derogi għall-użu ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja d-disponibbiltà tal-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u se ttemm jew testendi tali awtorizzazzjonijiet fid-dawl tal-konklużjonijiet fir-rigward tad-disponibbiltà tal-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ippreżentat fir-rapport previst fl-Artikolu 53(7) tar-Regolament (UE) 2018/848 u f’konformità mal-Artikolu 53(2) ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat skont dan.

(12)

Biex jiġi evitat vojt ġuridiku, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika b’mod retroattiv mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.


ANNESS

Il-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 1.8.5.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-punt 1.8.1, meta d-data miġbura fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2) juru li l-ħtiġijiet kwalitattivi jew kwantitattivi tal-operatur fir-rigward ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti rilevanti ma jintlaħqux, l-operatur jista’ juża materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4), jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6.”;

(ii)

il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel paragrafu:

“Barra minn hekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ nebbieta organiċi, ‘nebbieta fil-fażi ta’ konverżjoni’, ikkummerċjalizzati f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4), jistgħu jintużaw meta jitkabbru kif ġej:

(a)

permezz ta’ ċiklu ta’ kultivazzjoni minn żrieragħ sa nebbieta finali li jdum mill-inqas 12-il xahar fuq roqgħa art li, matul dak l-istess perjodu, tkun lestiet perjodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar; jew

(b)

fuq roqgħa art organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew f’kontenituri jekk koperti mid-deroga msemmija fil-punt 1.4, dment li n-nebbieta jkunu oriġinaw minn żrieragħ fil-fażi ta’ konverżjoni, maħsuda minn pjanta mkabbra fuq roqgħa art li tkun lestiet perjodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar.”;

(iii)

it-tieni, it-tielet u r-raba’ paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Meta materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-operatur, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti soġġett għall-punti 1.8.5.3 sa 1.8.5.8.

Tali awtorizzazzjoni individwali għandha tinħareġ biss f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-ebda varjetà tal-ispeċi li l-operatur jixtieq jikseb ma tkun irreġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2);

(b)

meta l-ebda operatur li jikkummerċjalizza materjal riproduttiv tal-pjanti ma jkun jista’ jipproduċi l-materjal rilevanti riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni, jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 fil-ħin għaż-żrigħ jew għat-tħawwil f’sitwazzjonijiet fejn l-utent ikun ordna l-materjal riproduttiv tal-pjanti fi żmien raġonevoli biex jippermetti l-preparazzjoni u l-provvista ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6;

(c)

meta l-varjetà li l-operatur jixtieq jikseb ma tkunx irreġistrata bħala materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2), u l-operatur ikun jista’ juri li l-ebda waħda mill-alternattivi rreġistrati tal-istess speċi ma hija xierqa b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet agronomiċi u pedoklimatiċi u l-proprjetajiet teknoloġiċi neċessarji għall-produzzjoni li trid tinkiseb;

(d)

fejn ikun ġustifikat għall-użu fir-riċerka, test bi provi fuq il-post fuq skala żgħira, għal skopijiet ta’ konservazzjoni tal-varjetà għal innovazzjoni tal-prodott u bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

Qabel ma jitolbu kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din, l-operaturi għandhom jikkonsultaw l-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2) sabiex jivverifikaw jekk huwiex disponibbli materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 rilevanti u b’hekk jekk it-talba tagħhom tkunx ġustifikata.”;

(b)

il-punt 1.8.5.2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-punt 1.8.1, l-operaturi f’pajjiżi terzi jistgħu jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4), jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 meta jkun iġġustifikat li l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz li fih ikun jinsab l-operatur.”;

(ii)

it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) jistgħu jawtorizzaw operaturi f’pajjiżi terzi biex jużaw materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti f’unità tal-produzzjoni organika, meta l-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat f’konformità mal-punt 1.8.6 ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz fejn jinsab l-operatur, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 1.8.5.3, 1.8.5.4, 1.8.5.5 u 1.8.5.8”;

(c)

jiddaħħlu l-punti 1.8.5.8 u 1.8.6 li ġejjin:

“1.8.5.8.

L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jawtorizzaw l-użu ta’ nebbieta mhux organiċi fil-każ ta’ nebbieta ta’ speċijiet li jkollhom ċiklu ta’ kultivazzjoni kkompletat fi staġun wieħed tat-tkabbir, mit-trapjant tan-nebbiet sal-ewwel ħsad tal-prodott.

1.8.6.

L-awtoritajiet kompetenti jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skont l-Artikolu 46(1) jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi li jipproduċu materjal riproduttiv tal-pjanti għall-użu fil-produzzjoni organika biex jużaw materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti, meta l-pjanti omm jew, fejn rilevanti, pjanti oħra maħsuba għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti u prodotti f’konformità mal-punt 1.8.2 ma jkunux disponibbli fi kwantità jew kwalità suffiċjenti, u jqiegħdu tali materjal fis-suq għall-użu fil-produzzjoni organika dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti użat ma jkunx ġie trattat bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti wara l-ħsad ħlief dawk awtorizzati f’konformità mal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx ġie preskritt trattament kimiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031 għal finijiet fitosanitarji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għall-varjetajiet kollha u l-materjal eteroġenju kollu ta’ speċijiet partikolari fiż-żona fejn irid jintuża l-materjal riproduttiv tal-pjanti. Meta jintuża l-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti li jkun ġie ttrattat b’dak it-trattament kimiku preskritt, ir-roqgħa art li fuqha jkun qed jikber il-materjal riproduttiv tal-pjanti ttrattat għandu jkun soġġett, fejn xieraq, għal perjodu ta’ konverżjoni kif previst fil-punti 1.7.3 u 1.7.4;

(b)

il-materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti użat mhuwiex nebbieta ta’ speċijiet li għandhom ċiklu ta’ kultivazzjoni komplut fi staġun wieħed tat-tkabbir, mit-trapjant tan-nebbiet sal-ewwel ħsad tal-prodott;

(c)

il-materjal riproduttiv tal-pjanti jitkabbar f’konformità mar-rekwiżiti l-oħra kollha rilevanti tal-produzzjoni tal-pjanti organiċi;

(d)

l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti għandha tinkiseb qabel ma jinżera’ jew jitħawwel il-materjal;

(e)

l-awtorità kompetenti, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll responsabbli għall-awtorizzazzjoni għandhom jagħtu l-awtorizzazzjoni biss lill-utenti individwali u għal staġun wieħed kull darba, u għandhom jelenkaw il-kwantitajiet tal-materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat;

(f)

b’deroga mill-punt (e), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu kull sena jagħtu awtorizzazzjoni ġenerali għall-użu ta’ speċi jew sottospeċi partikolari jew varjetà ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti u jagħmlu l-lista ta’ speċijiet, sottospeċijiet jew varjetajiet disponibbli għall-pubbliku u jżommuha aġġornata fuq bażi annwali. F’dak il-każ, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jelenkaw il-kwantitajiet ta’ materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti awtorizzat;

(g)

l-awtorizzazzjonijiet mogħtija f’konformità ma dan il-paragrafu għandhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2036.

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena u għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-informazzjoni fuq l-awtorizzazzjonijiet aċċettati f’konformità mal-ewwel paragrafu.

L-operaturi li jipproduċu u jikkummerċjalizzaw il-materjal riproduttiv tal-pjanti prodott f’konformità mal-ewwel paragrafu għandhom jitħallew jippubblikaw, fuq bażi volontarja, l-informazzjoni speċifika rilevanti dwar id-disponibbiltà ta’ tali materjal riproduttiv tal-pjanti fis-sistemi nazzjonali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 26(2). L-operaturi li jagħżlu li jinkludu tali informazzjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment, u tiġi rtirata mis-sistemi nazzjonali ladarba l-materjal riproduttiv tal-pjanti ma jibqax disponibbli. Meta joqogħdu fuq l-awtorizzazzjoni ġenerali msemmija fil-punt (f), l-operaturi għandhom iżommu rekords tal-kwantità użata.”


Top